Grupp Ġ tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2006 li saret fil-Ġermanja, kien jikkonsisti minn erba' timijiet. Il-logħob minn dan il-grupp kien bejn l-13 ta' Ġunju 2006 u t-23 ta' Ġunju. L-Iżvizzera rnexxieha tirbaħ l-grupp, u jsegwiha għat-tieni rawnd kien hemm it-tim nazzjonali Franċiż li spiċċa fit-tieni post. It-telfa fl-aħħar partita tal-grupp wasslet biex il-Korea t'Isfel tiġi eliminata flimkien mat-Togo.
Grupp Ġ kien ġie ikkunsidrat minn diversi esperti bħala grupp normali mingħajr kandidati partikulari. Madanakollu, l-erba' timijiet kienu lkoll qed jimmiraw lejn diversi objettivi. Waqt li Franza kienet qed tipprova tħassar il-prestazzjoni ħażina fit-Tazza tad-Dinja 2002 meta ġew eliminati fl-ewwel rawnd, il-Korea t'Isfel kienet qed tfittex biex iġġib pożizzjoni oħra tajba wara r-raba' post fl-edizzjoni preċedenti li saret ġewwa pajjiżhom. Aktar minn hekk, l-Iżvizzera mmarkat ir-ritorn tagħha fit-Tazza tad-Dinja wara assenza ta' 12-il sena f'dak li kellu jkun l-ewwel test għall-kowċ Köbi Kuhn u l-proġett tiegħu għall-parteċipazzjoni tas-selezzjoni tiegħu fil-Kampjonati Ewropej tal-2008 li kellhom isiru ġewwa pajjiżu. It-Togo, min-naħa l-oħra, kienu qed jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom f'din il-kompetizzjoni.
Fl-ewwel sett ta' partiti, it-Togo b'sorpriża marru fil-vantaġġ kontra l-Korea t'Isfel, imma suċċessivament l-Ażjatiċi qalbu l-iskor għal 2–1 favurihom. Fil-konfront l-ieħor, Franza u l-Iżvizzera spiċċaw f'pari ta' mingħajr gowls, b'dan ir-riżultat ikun it-tielet riżultat ta' pari mill-aħħar tliet partiti bejn dawn iż-żewġ timijiet, hekk kif dawn iż-żewġ timijiet Ewropej kienu diġà affrontaw lil xulxin fil-fażi ta' kwalifika.
Wara l-ewwel riżultati, l-erba' timijiet ippruvaw jiksbu vantaġġ fir-rawnd li jmiss ta' partiti. L-Iżvizzera għelbet lit-Togo 2–0 biex temmet l-avventura tat-tim Afrikan fl-ewwel preżenza f'kompetizzjoni massima. Franza lagħbu kontra l-Korea t'Isfel fejn fil-minuti bikrin marru fil-vantaġġ grazzi għal gowl ta' Thierry Henry. Dan kien l-ewwel gowl għan-nazzjonal Franċiż minn meta għollew it-Tazza tad-Dinja fl-1998 hekk kif temmew is-serje ta' partiti mingħajr rebħa li kkaraterizzaw l-edizzjoni preċedenti. Madanakollu, fl-aħħar 9 minuti, Park Ji-Sung sab il-gowl tal-1–1.
Fl-aħħar żewġ partiti, tliet timijiet kienu għadhom qed jiġġieldu għal post fir-rawnd ta' L-Aħħar Sittax. Franza kienet fi żvantaġġ minħabba li jekk kienu jirbħu b'iktar minn żewġ gowls vantaġġ u l-Iżvizzera u l-Korea t'Isfel kienu jaqsmu l-punti bejniethom, il-Franċiżi kienu jispiċċaw eliminati għat-tieni darba konsekuttiva fil-fażi tal-gruppi. L-Iżvizzera u l-Korea kienu mhux biss qegħdin jiġġieldu għall-progress fil-kompetizzjoni iżda wkoll għall-ewwel post fil-grupp biex b'hekk jaffrontaw lit-tim ikklassifikat fi Grupp H.
Finalment, ir-rebħa ta' 2–0 tal-Iżvizzera fuq il-Koreani, flimkien mar-rebħa tal-Les Blues fuq it-Togo, wasslet għall-progress għar-rawnd li jmiss lit-timijiet Ewropej u l-eliminazzjoni tat-Togo u l-Korea t'Isfel.