Il-Copa América (bl-Ispanjol u l-Portugiż għal "Tazza Amerikana") hi l-kompetizzjoni għat-timijiet nazzjonali tal-irġiel taħt il-konfederazzjoni tal-CONMEBOL (Amerika t'Isfel). Din il-kompetizzjoni hi l-eqdem kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja hekk kif din tmur lura lejn l-1916. Il-pajjiżi parteċipanti huma l-Arġentina, il-Brażil, il-Bolivja, iċ-Ċili, l-Ekwador, il-Kolombja, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj u l-Veneżwela. Żewġ timijiet minn konfederazzjonijiet oħra ikomplu l-kwadru ta' tnax-il tim parteċipant: il-Messiku hu pajjiż regolari f'din il-kompetizzjoni wara l-ewwel invit fl-1993. M'hemm l-ebda fażi ta' kwalifikazzjoni: l-għaxar timijiet tal-CONMEBOL jikkompetu bi dritt, u oħrajn b'invit. L-aqwa tim klassifikat fil-kompetizzjoni u li hu membru tal-CONMEBOL għandu d-dritt li jipparteċipa fl-edizzjoni suċċessiva tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-FIFA, imma mhuwiex obbligat li jagħmel dan.
Storja
Il-Copa América hi l-iktar kompetizzjoni qadima u li għadha attiva fl-istorja tal-kompetizzjonijiet tal-futbol madwar id-dinja. L-ewwel edizzjoni saret nhar it-2 ta' Lulju u s-17 ta' Lulju u kienet mirbuħa mill-Urugwaj, bħala parti mill-kommemorazzjonijiet għaċ-ċentinarju mill-Indipendenza tal-Arġentina. Il-CONMEBOL ġiet iffurmata fil-ġurnata tal-indipendeza tal-Arġentina (9 ta' Lulju). Il-kompetizzjoni kienet tkun ospitata normalment kull sentejn (imma l-intervalli xi kultant inbidlu) sakemm fl-2007, il-CONMEBOL ddeċiedet li l-kompetizzjoni issir kull erba' snin.[1]
Il-kampjonat kien għall-bidu magħruf bħala Campeonato Sudamericano de Selecciones (Kampjonat Sud-Amerikan tat-Timijiet Nazzjonali). Dan l-isem kien użat sal-1975. Bejn l-1975 u fl-1983 il-kompetizzjoni ma ġietx ospitata fl-ebda pajjiż. Il-CONMEBOL fl-1984 iddeċidiet li kull pajjiż li hu parti mill-assoċjazzjoni għandu jospita l-kompetizzjoni. L-ewwel rotazzjoni ġie kompluta fil-Copa América 2007 li ġiet ospitata fil-Veneżwela. It-tieni rotazzjoni ġiet imfassla għas-sena 2011, bil-pajjiżi ospiti jintgħażlu skont l-ordni alfabetiku, fejn jibdew bl-Arġentina.[2]
Mill-1993, żewġ timijiet minn konfederazzjonijiet differenti (preferibilment il-CONCACAF, minħabba l-qagħda ġeografika tagħha) bdew jiġu invitati. Il-pajjiżi invitati kienu l-Kosta Rika (1997, 2001, 2004), il-Ħonduras (2001), il-Ġappun (1999), il-Messiku (1993, 1995, 1997, 1999, 2001, 2004, 2007) u l-Istati Uniti (1993, 1995, 2007).