Fiż-żmien ix-xoljiment taċ-Ċekoslovakkja fi tmiem l-1992, it-tim ħa sehem fil-kwalifikazzjoni tal-UEFA għat-Tazza tad-Dinja tal-1994 taħt l-isem ta' "Rappreżentazzjoni taċ-Ċeki u Slovakki". It-tim attwali tar-Repubblika Ċeka huwa rikonoxxut bħala s-suċċessur taċ-Ċekoslovakkja,[1][2] filwaqt li t-tim Slovakk jirrappreżenta lis-Slovakkja.
Storja
Id-debutt taċ-Ċekoslovakkja fil-futbol internazzjonali seħħ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, nhar it-28 ta' Awwissu 1920 kontra l-Jugożlavja, f'rebħa ta' 7–0 waqt l-Olimpjadi ta' Antwerp. Fl-istess kompetizzjoni għelbu lin-Norveġja fil-kwarti tal-finali u 'l Franza fis-semifinali. Madanakollu, fil-finali kontra l-Belġju tat-2 ta' Settembru, iċ-Ċekoslovakki telqu mill-grawnd wara 40 minuta logħob u minn taħt b'żewġ gowls bi protesta kontra r-referì. B'hekk huma baqgħu mingħajr midalja.[3] Iċ-Ċekoslovakkja reġgħu lura fl-Olimpjadi ta' Pariġi tal-1924 u minkejja li għelbu lit-Turkija 5–2 fl-ewwel rawnd, huma ġew eliminati fir-rawnd ta' wara kontra l-Iżvizzera.[4]
Il-pajjiż ħa sehem għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja tal-1934 meta rebħu l-partita ta' kwalifikazzjoni kontra l-Polonja b'dawn tal-aħħar jirtiraw wara telfa fl-ewwel leg tal-konfront.[a] Fil-fażi finali li saret fl-Italja, iċ-Ċekoslovakkja avvanzaw fuq ir-Rumanija, l-Iżvizzera u l-Ġermanja, però tilfu l-finali 2–1 kontra l-pajjiż ospitu wara l-ħin barrani. L-attakkant Oldřich Nejedlý kien l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni b'ħames gowls.[7]
Iċ-Ċekoslovakkja ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1938 fi Franza wara r-rebħa fil-kwalifikazzjoni kontra l-Bulgarija. Huma waslu sal-kwarti tal-finali, però sfaw eliminati mill-Brażil f'logħba li baqgħet magħrufa bħala l-"Battalja ta' Bordeaux" minħabba l-aggressività li kien hemm bejn iż-żewġ timijiet u li rat tliet plejers jitkeċċew għall-ewwel darba fl-istorja tal-kompetizzjoni u numru ta' plejers oħra joħorġu mill-logħba mweġġgħin.[8][9]
Wara li naqsu milli jieħdu sehem fil-kwalifiki għat-Tazza tad-Dinja tal-1950, fiż-żewġ edizzjonijiet ta' wara laħqu biss il-fażi tal-gruppi. Nhar il-5 ta' April 1959, iċ-Ċekoslovakkja lagħbu l-ewwel logħba ta' kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej fejn dawru telfa ta' 2–0 fl-ewwel logħba kontra r-Repubblika tal-Irlanda biex avvanzaw 4–2. Huma waslu sas-semifinali wara rebħiet konvinċenti fuq żewġ legs kontra d-Danimarka (7–3) u r-Rumanija (5–0). Fis-semifinali sabu lill-Unjoni Sovjetika li rebħu 3–0, madanakollu, kisbu t-tielet post b'rebħa ta' 2–0 fuq il-pajjiż ospitu ġewwa Marsilja.[10]
Iċ-Ċekoslovakkja kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1962 li saret fiċ-Ċili b'rebħa ta' 4–2 kontra l-Iskozja fi play-off li ntlagħbet fi Brussell, il-Belġju, wara li ż-żewġ timijiet temmew l-impenji tagħhom fil-kwalifikazzjoni bl-istess punti. Fil-fażi finali, iċ-Ċekoslovakkja fetħu b'rebħa ta' 1–0 fuq Spanja u dro ta' mingħajr gowls kontra l-Brażil. It-telfa fl-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Messiku ma affettwatx l-avvanz għar-rawnd suċċessiv.[11] Megħjunin bil-prestazzjoni tal-gowler Viliam Schrojf u l-attakkant Adolf Scherer, huma għelbu lill-Ungerija fil-kwarti tal-finali u lill-Jugożlavja fis-semifinali. Fit-tieni finali tagħhom huma sabu lill-Brażil. Josef Masopust poġġa liċ-Ċekoslovakki fil-vantaġġ però żewġ żbalji ta' Schrojf kienu kruċjali biex jikkastigawhom għal telfa ta' 3–1. Masopust rebaħ it-titlu tal-1962 tal-Ballun tad-Deheb.[12]
Wara dan is-suċċess, iċ-Ċekoslovakkja pparteċipaw biss f'edizzjoni waħda ta' kompetizzjoni maġġuri sal-1976, li kienet is-sehem tagħhom fit-Tazza tad-Dinja tal-1970 fejn ġew eliminati fil-fażi tal-gruppi bi tliet telfiet.[4] Għall-Kampjonati Ewropej tal-1976 li saru fil-Jugożlavja huma kkwalifikaw minn grupp li kien jikkonsisti mill-Ingilterra, il-Portugall u Ċipru, b'rekord ta' erba' rebħiet, dro u telfa.[13] Fis-semifinali ġewwa Żagreb huma għelbu lin-Netherlands 3–1 wara l-ħin barrani. Il-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent ntlagħbet fl-20 ta' Ġunju f'Belgrad u minkejja li ċ-Ċekoslovakkja ħadu vantaġġ ta' 2–0 wara nofs siegħa logħob, il-Ġermaniżi ġabu d-dro.[14] Fl-għoti tal-penalties iċ-Ċekoslovakkja rebħu 5–3 fejn fost il-penalties baqa' mfakkar dak mogħti minn Antonin Panenka, li l-istil tal-eżekuzzjoni tiegħu għadu jżomm l-istess tal-plejer.[15]
Għall-edizzjoni suċċessiva tal-Kampjonati Ewropej tal-1980 huma rebħu l-grupp ta' kwalifikazzjoni quddiem Franza.[16] Fil-fażi finali huma spiċċaw it-tieni fil-grupp wara l-Ġermanja tal-Punent li tathom aċċess għal-logħba għat-tielet u r-raba' post kontra l-ospiti tal-Italja. Huma rebħu 9–8 bl-għoti tal-penalties.[17] L-aħħar kompetizzjoni taċ-Ċekoslovakkja kienet it-Tazza tad-Dinja tal-1990 fejn avvanzaw mill-grupp wara rebħiet kontra l-Istati Uniti (5–1) u l-Awstrija (1–0), għalkemm tilfu fl-aħħar logħba kontra l-pajjiż ospitu. Fir-rawnd tal-aħħar sittax għelbu lill-Kosta Rika, però tilfu l-kwarti tal-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent b'gowl ta' Lothar Matthäus.[18]
L-istat taċ-Ċekoslovakkja nqasam fir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja fl-1 ta' Jannar 1993. It-tim nazzjonali Ċekoslovakk baqa' ħaj b'mod proviżorju sa tmiem il-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1994 u wara ġiet imwaqqfa l-assoċjazzjoni nazzjonali Ċeka u Slovakka.
^Il-Polonja ma setgħux jivvjaġġaw lejn Praga għat-tieni logħba minħabba li l-gvern Pollakk ċaħad il-visas lit-tim minħabba raġunijiet politiċi.[5] Il-logħba ngħatat rebħa ta' 2–0 liċ-Ċekoslovakkja.[6]