Mikiel Spiteri (magħruf bħala Kilin; twieled fl-20 ta' Awwissu 1917 – miet fit-8 ta' Lulju 2008) kien kittiebMalti.[1][2][3]
Tfulija
Ommu u missier Kilin kienu Anna Azzopardi u Diegu Spiteri. Dawn kellhom għaxart itfal li minnhom tlieta mietu fit-tfulija. Kilin jgħid li meta kien żgħir kien se jmut b'xemxata kbira.
Kilin mill-ewwel deher li kien se jipprometti fl-iskola għax kien tifel li kellu interess f'kollox u kien determinat li ried jirnexxi. Ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċeo.
Servizz Pubbliku
Ħadem bħala uffiċjal tad-dwana bejn l-1935 u l-1941 u f'diversi dipartiment tal-Gvern sal-1975.
Letteratura
Il-laqam "Kilin" beda jużah meta darba sema' lil xi ħadd isejjaħ lil xi ħadd ieħor Kilin u dan l-isem għoġbu.
Kilin beda jikteb fl-1966 meta kellu 31 sena u l-aktar li kien iħobb jikteb kienet il-proża, bħal novelli, rumanzi u saġġi bil-Malti.
L-ewwel xogħlijiet tiegħu letterarji ppubblikati kienu Burdati (1970) u Burdati 71 (1971).
L-aktar xogħol magħruf ta' Kilin hu Fuq il-Għajn ta' San Bastjan (1973). Wara kiteb Wara l-Għajn ta' San Bastjan (1994) u Iż-Żmien Isajjar il-Bajtar (1996) fejn jissoktaw it-tifkiriet ta' tfulitu u żgħożitu. Imma Kilin iddikjara li l-aktar ktieb li jogħġbu kien Tlikki Tlikki ma' Wenzu.
Kilin huwa l-awtur ta' erba' rumanzi: L-Għafrid (1975), Tmint Ijiem fi Dragunara (1984), It-Tapit Imsaħħar (1995) uTinsiex, Publius, Tinsiex! (2003).
Fl-1998 ġabar in-novelli fil-ktieb Għajnejn Kalanġ li jiġbru ‘kwadru morali' tal-ħajja, bil-ħelu u bil-morr tagħha.
Huwa ttraduċa L-Alla li ma Nemminx Fih (1983) mill-Ispanjol u ħareġ sensiela ta' ħames kotba żgħar Kappelli u Knejjes Żgħar (1967), Nistqarr (1968), Djar is-Sultana (1969 u Osanna (1978).
Wayside Chapels (1966) u A Maltese Mosaic (1990) huma l-verżjoni bl-Ingliż ta' dawn il-kotba.
Kilin kiteb ukoll xi poeżiji.
Kilin baqa' jsemma' leħnu fil-ġurnali, sikwit jilmenta fuq il-bidliet li għaddej minnhom ilsienna.
Unuri
Fl-1973 rebaħ il-Premju Rothmans għal-Letteratura bid-dramm Bl-Irġulija u bl-Onestà, li deher fi ktieb bl-istess titlu flimkien ma' ġabra ta' novelli.
Fl-1981, Tmint Ijiem fi Dragunara (ħareġ 1984) rebaħ it-tieni premju fil-Konkors Buġelli.
Fl-1999, in-novella Id-Dell tal-Fatat ġiet fit-tieni post minn fost 842 novella f'kompetizzjoni li nżammet fl-Italja. In-novella kienet bil-Malti u hu stess qalibha bit-Taljan.