Il-Liebru Ewropew huwa mammiferu ta' ħeffa kbira u kapaċi jilħaq veloċità ta' 70 kilometru jew 45 mil fis-siegħa. Dan jikber bejn 50 u 70 ċentimetru eskluż id-denb li ġeneralment ikun bejn 7 u 11-il ċentimetru ieħor u l-piż ta' liebru adult jista jvarja minn sottospeċi għal oħra bejn 2.5 u 6.5 kilogrammi.
Għalkemm normalment il-Liebru EwropewLepus europaeus huwa mammiferu ta' natura mistħijja u jgħix ħajja solitarja jew bħala par, dan jibdel l-attitudni tiegħu lejn ir-rebbiegħa, fejn dawn jibdew jiġru wara xulxin matul il-ġurnata fid-dawl tax-xemx f'nofs il-kampanja. Din l-imġieba hija xejn aktar ħlief kompetizjoni bejn l-irġiel biex jakkwistaw id-dominanza u b'hekk aċċess għal aktar nisa biex jirriproduċu magħhom. Waqt dan iż-żmien ta' ferneżija fost il-liebri, wieħed jista' jarahom jagħtu u jiġġieldu bl-idejn. Għal żmien twil ħafna kienu jaħsbu li dan kien ikun ġlied ta' kompetizzjoni bejn l-irġiel, iżda minn osservazzjonijiet aktar fil-qrib irriżulta li dan ma kienx ħlief ġlied bejn in-nisa u l-irġiel, biex in-nisa juru jew li għadhom mhumiex lesti għat-tgħammir jew biex jaraw id-determinazzjoni tal-irġiel.
Il-Liebru Ewropew, ma jgħixx bħall-biċċa l-kbira tal-fniek f'bejta taħt l-art u dan lanqas meta jasal iż-żmien taż-żrameġ. It-twelid taż-żgħar isir ġo bejta magħmula minn ħofra baxxa magħrufa bħala "il-forma" jew fil-ħaxix mirfus u mgħaffeġ mill-omm. Din mhijiex problema għaż-żrameġ għax huma addattati għan-nuqqas ta' protezzjoni fiżika billi jitwieldu miksijin bil-pil u b'għajnejhom miftuħa, b'hekk ftit żmien wara t-twelid dawn ikunu kapaċi jaħsbu għalihom infushom.
Distribuzzjoni
Dan il-liebru mifrux mit-Tramuntana, għall-Punent, saċ-ċentru tal-Ewropa u fil-Punent tal-Asja għalkemm illum il-ġurnata id-distribuzzjoni ta' dan il-liebru kibret billi ġie introdott mill-bniedem fil-Lvant tal-kontinent tal-Amerika ta' Fuq fejn jissejjaħ Fenek ħmar tal-Lvant, fil-Lbiċ lejn in-Nofsinhar tal-kontinent tal-Amerika ta' Isfel, fil-Lvant tal-kontinent tal-Awstralja u f'New Zealand.
Hoffmann, Robert S.; Andrew T. Smith (November 16, 2005). Wilson, D. E., and Reeder, D. M. (eds): Mammal Species of the World, 3rd edition, Johns Hopkins University Press. ISBN 0-8018-8221-4.
Lagomorph Specialist Group (1996).Lepus europaeus. 2006 IUCN Red List of Threatened Species.