Edmund "Ed" Conen (twieled fl-10 ta' Novembru 1914 – miet fil-5 ta' Marzu 1990) kien plejer u kowċ tal-futbol Ġermaniż li kien jilgħab bħala attakkant.
Karriera
Klabb
Edmund Conen beda l-karriera tiegħu ma' FV 03 Saarbrücken u mat-tim ġie promoss fl-istaġun 1934–35 għall-Gauliga Südwest, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fil-partijiet tal-Lbiċ tal-Ġermanja. Fl-1934 ġie avviċinat biex jissieħeb ma' Werder Bremen, però Conen żvela lill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ġermanja li Werder kienu qed iħallsu lill-plejers. F'dak iż-żmien il-futbol kien strettament dilettantesk u ħlas lill-plejers ma kienx permess. Dan wassal biex l-Assoċjazzjoni mmultat u ssospendiet lill-klabb, xi uffiċjali tal-klabb u l-plejers. Wara waqfa ta' erba' snin minħabbi newrożi kardijaka,[1][2] fl-1938 ingħaqad ma' Stuttgarter Kickers li kienu jilgħabu fil-Gauliga Württemberg grazzi għall-interċessjoni tal-kowċ preċedenti tiegħu Oskar "Ossi" Müller.[3] Ma' Stuttgarter Kickers rebaħ erba' kampjonati konsekuttivi tal-Gauliga Württemberg bejn l-1939 u l-1942. Ir-rebħ tagħhom ta' dan il-kampjonat reġjonali tahom iċ-ċans li jipparteċipaw fil-fażi nazzjonali, fejn għalkemm qatt ma kisbu t-titlu Conen ħalla l-marka b'għaxar gowls f'erbatax-il logħba.[1]
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien mistieden sabiex jilgħab ma' Mulhouse u t-tim tal-armata SV Groß Born. Fil-perjodu qasir li għamel ma' Groß Born, Conen rebaħ il-Gauliga Pommern, però kellu jikkuntenta bis-semifinali fil-fażi finali.[4] Fi tmiem il-gwerra, Conen reġa' ngħaqad mal-Kickers fl-Oberliga Süd, il-kampjonat reġjonali l-ġdid imfassal fl-1945 għat-timijiet fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Fil-ħames snin li għamel magħhom hu skorja 57 gowl, fosthom għoxrin gowl fl-istaġun 1947–48 fejn il-Kickers skorjaw rekord ta' 113-il gowl.[5] Fi tmiem il-karriera tiegħu bħala plejer qatta' sentejn fl-Iżvizzera ma' Young Fellows Zürich fejn magħhom serva wkoll bħala kowċ.
Tim nazzjonali
Conen lagħab 28 logħba internazzjonali bejn l-1934 u l-1942 mat-tim nazzjonali Ġermaniż u skorja 27 gowl. Id-debutt wasal ta' dsatax-il sena f'Jannar tal-1934 fil-konfront kontra l-Ungerija u skorja l-ewwel gowl tiegħu.[6] Fit-tieni edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-istess sena hu ħalla l-marka tiegħu bi tliet gowls kontra l-Belġju; bil-logħba mwaħħla fi dro ta' 2–2, l-attakkant skorja tripletta fl-aħħar sbatax-il minuta sabiex ta rebħa ta' 5–2 lill-Ġermanja.[2] Din kienet l-ewwel darba li ġiet skorjata tripletta f'taqsima waħda fil-kompetizzjoni u dan is-suċċess ġie ripetut biss fit-Tazza tad-Dinja tal-1970 meta Gerd Müller skorja tripletta fir-rebħa tal-Ġermanja kontra l-Perù. Conen skorja wkoll gowl fir-rebħa fil-logħba għat-tielet u r-raba' post kontra l-Awstrija.
Ta' 21 sena kellu problemi ta' saħħa u kellu jħalli temporanjament il-futbol warajh bl-aħħar logħba tkun kontra l-Polonja fil-15 ta' Settembru 1935 fejn Conen kien awtur ta' gowl. Ir-ritorn tiegħu wasal fil-25 ta' Ġunju 1939 f'Kopenħagen kontra d-Danimarka; għal darb'oħra ħalla l-marka b'gowl f'rebħa ta' 2–0. L-aħħar logħba tiegħu kienet fit-3 ta' Mejju 1942 kontra l-Ungerija u Conen reġa' skorja biex għen jaqleb telfa f'rebħa ta' 5–3.[6]
Referenzi
Ħoloq esterni